Skip to main content

Sejħa għall-bdiewa kollha: Ċans biex tiffranka l-flus!

 

Investiment ta’ €750,000 għall-konservazzjoni tal-ilma fis-settur agrikolu
Lejn settur agrikolu iktar effiċjenti b’aċċess għar-riżorsi

Is-settur agrikolu għandu ċ-ċans ikun protagonist fil-kampanja nazzjonali għall-konservazzjoni tal-ilma. Fost l-inizjattivi li se jsiru bħala parti minn din il-kampanja, il-bdiewa u r-raħħala se jkunu mistiedna biex jipparteċipaw fi skema li se tgħinhom iżidu l-effiċjenza fl-użu tal-ilma permezz ta’ apparat u interventi fir-raba’ tagħhom. Waqt konferenza tal-aħbarijiet iktar kmieni llum, il-Ministru għall-Enerġija u l-Immaniġjar tal-Ilma Joe Mizzi ħabbar li l-bdiewa kif ukoll ir-raħħala se jkollhom iċ-ċans japplikaw għal din l-iskema li tirriżulta f’investiment ta’ massimu ta’ €5,000 f’interventi u apparat għall-kull attività agrikola.

Il-kap eżekuttiv tal-Aġenzija għall-Enerġija u l-Ilma, Manuel Sapiano spjega kif permezz ta’ din l-iskema se tkun qed tiġi mgħejuna 150 attività agrikola biex ikollha użu tal-ilma iktar effiċjenti, li allura jwassal għal inqas pressjoni fuq ir-riżorsi tal-ilma tal-pajjiż. Dawn l-attivitajiet agrikoli, li jinkludu kemm għelieqi u raba’ tat-trobbija tal-annimali se jkunu qed jibbenefika minn total ta’ €750,000, mingħajr l-ebda spiża għalihom.

Il-Ministru Mizzi tkellem dwar is-settur agrikolu bħala wieħed mill-iktar setturi li jikkonsma ilma fil-pajjiż, u bir-raġun għaliex huwa s-settur responsabbli mill-produzzjoni tal-ikel. Qal ukoll li permezz tal-interventi li se jsiru b’din l-iskema, il-bdiewa u r-raħħala se jirriżultaw f’inqas spejjeż għall-bdiewa, hekk kif il-produzzjoni tal-ilma hi waħda mill-ikbar spejjeż. “Huwa importanti li l-Gvern u settur agrikolu jaħdmu flimkien biex flimkien niżguraw li l-agrikoltura jkollha aċċess għar-riżorsi tal-ilma filwaqt li l-użu tal-ilma fl-agrikoltura jsir bl-aktar mod effiċjenti possibbli,” sostna l-Ministru Mizzi.

Matul il-konferenza tal-aħbarijiet tkellem ukoll is-Segretarju Parlamentari għall-Biedja, Sajd u Drittijiet tal-Annimali, Clint Camilleri li saħaq dwar l-importanza tar-riżorsa tal-ilma għall-bdiewa, waqt li ħeġġeġ lill-bdiewa u r-raħħala jipparteċipaw f’din l-iskema. “Dejjem rajna kif nistgħu ntejbu s-sitwazzjoni tal-bdiewa u nassistuhom fl-iktar mumenti diffiċli, fosthom meta sofrew ħsarat strutturali kawża tal-maltemp,” qal is-Segretarju Parlamentari Camilleri. 

L-applikanti li jissodisfaw il-kriterji stabbiliti se jingħataw verifika b’xejn tal-attività agrikola tagħhom, b’uffiċjali mill-kampanja L-ILMA – Ibda Minnek se jevalwaw il-konsum tal-ilma u kif jinġabar l-ilma fuq il-post, waqt li jiddiskutu x’miżuri jistgħu jittieħdu biex tittejjeb l-effiċjenza fl-użu tal-ilma. Dawn il-miżuri jistgħu jinkludu bidliet sempliċi bħal titjib fis-sistema tal-irrigazzjoni jew installazzjoni ta’ sensors mal-ħamrija, inkella, jekk meħtieġ, jittieħed approċċ aktar intensiv bħal xogħlijiet ta’ riabilitazzjoni tal-ġibjuni, skont il-bżonn.

Wara li ssir il-verika, kull każ jiġi diskuss taħt il-gwida ta’ inġinier professjonali, u jekk ir-rakkomandazzjonijiet ikunu possibbli, u maqbula wkoll mill-applikant, ix-xogħlijiet jiġu kkummissjonati, implimentati u mmonitorjati bla ħlas. Dawk l-applikanti li jintagħżlu, isiru Promoturi tal-Ilma ta’ Malta billi jkunu eżempju tanġibbli dwar kif skemi tal-konservazzjoni tal-ilma jistgħu jkunu mwettqa fil-prattika b’mod effiċjenti.

Dawk interessati li jkunu parti minn din il-bidla pożittiva u jsiru Promoturi tal-Ilma jistgħu japplikaw fuq is-sit www.ilma.org.mt jew billi jmorru l-uffiċċju tal-kampanja fiċ-ċentru nazzjonali għall-konservazzjoni tal-ilma ‘GĦAJN’. 

Il-proġett tal-Kampanja Nazzjonali għall-Konservazzjoni tal-Ilma huwa kofinanzjat mill-Unjoni Ewropea taħt il-Fondi ta’ Koeżjoni – Fondi Strutturali u ta’ Investiment Ewropej 2014-2020. Aktar informazzjoni ssibuha fuq  is-sit www.ilma.org.mt

Ħalli kumment