Skip to main content

Sapport lill-bdiewa lokali permezz ta’ iktar effiċjenza fl-ilma

Bla dubju, ħadd ma jaf kemm hu essenzjali l-ilma għalina lkoll aktar mill-bdiewa. Huma jridu jżommu l-uċuħ tar-raba’ tagħhom ħajjin imma jridu jkunu żguri wkoll li qegħdin jaħsdu s-sors tal-ilma tagħhom għall-istaġuni nexfin kollha li għad ikollhom. Il-bdiewa, minn madwar id-dinja kollha, tejbu ħafna l-ħila tagħhom li jużaw l-ilma b’mod sensibbli u effiċjenti. Aktar minn qatt qabel, minħabba l-effetti tat-tibdil fil-klima u r-realtà iżjed komuni tan-nixfa, il-bdiewa qed isibuha iżjed diffiċli jkomplu bl-użanzi tagħhom tal-kultivazzjoni tar-raba’ minħabba d-disponibbiltà limitata tar-riżorsi naturali tal-ilma. B’konsegwenza ta’ dan, il-bdiewa lokali qed jistrieħu aktar fuq il-metodi tal-ħsad tal-ilma u fuq prattiċi effiċjenti tal-irrigazzjoni biex jużaw l-ilmijiet limitati disponibbli b’mod aktar effiċjenti.

 

Il-kampanja nazzjonali Maltija tal-konservazzjoni tal-ilma qajmet kuxjenza fis-setturi kollha

 

Bis-saħħa tal-kampanja nazzjonali li għaddejja bħalissa tal-konservazzjoni tal-ilma, ‘L-ILMA – IBDA MINNEK’, iżjed nies saru jifhmu li l-użu effiċjenti tal-ilma għandu jkun obbligu komuni għal kulħadd. Ir-riżorsi tal-ilma huma taħt pressjoni qawwija, minn naħa minħabba t-tbassir kurrenti taż-żieda fil-popolazzjoni u d-domanda għall-ikel, u min-naħa l-oħra minħabba t-tibdil fil-klima.

 

Skont l-aħħar statistika, Malta bħalissa għandha madwar 19,000 bidwi, li minnhom hemm biss madwar 7% li huma full-time. Billi dan is-settur huwa essenzjali għall-ħarsien tas-saħħa tagħna u jeħtieġ l-ilma biex jirnexxi, jeħtieġ investiment biex jissalvagwardja r-riżorsi naturali tagħna tal-ilma.

 

Investiment ta’ €750,000 ta’ sapport għall-bdiewa full-time u part-time

 

Bħala sapport għall-industrija tal-agrikoltura, qed jiġu investiti €750,000 biex isostnu lil madwar 150 bidwi għal użu iktar effiċjenti tal-ilma fis-settur agrikolu. Din l-inċentiva finanzjarja hija parti mill-inizjattiva permezz tal-kampanja tal-Aġenzija tal-Enerġija u l-Ilma ‘L-ILMA – IBDA MINNEK’, u l-bdiewa eliġibbli li japplikaw se jibbenefikaw minn massimu ta’ €5,000 f’interventi tal-konservazzjoni tal-ilma. Dawn ivarjaw minn miżuri sempliċi, bħal titjib tas-sistema tal-irrigazzoni tagħhom għal interventi fuq skala akbar bħal restawr ta’ ġibjuni.

 

Il-bdiewa se jkollhom is-sapport ta’ uffiċjali tekniċi li jidentifikaw u jirrakkomandaw interventi biex huma jużaw l-ilma b’mod iżjed effiċjenti. Din l-inizjattiva hija miftuħa kemm għall-bdiewa full-time, kif ukoll għal dawk part-time, li għandhom minn tal-anqas nofs ettaru ta’ art.

 

L-applikanti eliġibbli jrid ikollhom aċċess għal minn tal-anqas waħda minn dawn ir-riżorsi tal-ilma:

  • Aċċess għal Ilma Ġdid (New Water);
  • Ġibjun tal-ħsad tal-ilma tax-xita b’żona identifikabbli ta’ fejn jinġabar l-ilma tax-xita;
  • Spiera reġistrata u mkejla.

 

Wara li bidwi japplika, il-membri tat-tim tal-kampanja ‘L-ILMA – IBDA MINNEK’ jagħmlu spezzjoni tas-sit fl-għelieqi jew fir-razzett tal-applikant, u jinfurmaw lill-bidwi x’jista’ jagħmel biex jaħli inqas ilma, bil-għan li tiżdied l-effiċjenza, u jiddiskutu wkoll miżuri alternattivi tal-konservazzjoni tal-ilma.

 

Opportunità mhux ta’ min jitlifha għal dawk li jaħdmu fl-agrikoltura

 

L-agrikoltura f’Malta hija kkunsidrata bħala settur sensittiv li minnu jiddependi l-għixien ta’ numru ta’ familji, u li huwa marbut ħafna mal-kwalità tal-ambjent naturali tal-pajjiż. Din hija opportunità unika għall-bdiewa full-time u part-time biex jibbenefikaw minn din l-inċentiva.

 

Għal aktar informazzjoni, żur www.water.org.mt/waterchampion/agriculture jew ċempel fuq 8007 2337.

Ħalli kumment