Meta jkollok l-ilma qed inixxi minn xi mkien u ma tintebaħx, dan jista’ jgħolli l-kont tal-ilma. Apparti hekk, jista’ jagħmillek il-ħsara fid-dar. Għalhekk, jekk tara sinjali bikrin li qed inixxi l-ilma, se tkun tista’ ssib eżatt fejn u ssewwi l-ħsara li jkollok minn kmieni, qabel ma l-problema tiggrava. Daqskemm l-ilma huwa riżorsa importanti għall-ħajja tagħna ta’ kuljum, daqstant ieħor jista’ jsir għadu jekk imur fejn mhux suppost, u jista’ jagħmel il-ħsara mhux biss lid-dar imma anke ta’ ġo fiha.
Mhux dejjem tkun tista’ tintebaħ fejn qed inixxi l-ilma; fil-fatt, jaf ikun insidjuż u minħabba f’hekk, aktar hu importanti li tinduna minn kmieni u ssewwi xi ħsara li jkollok malajr kemm jista’ jkun. Għalhekk, jeħtieġ li kull sid ta’ dar ikun jaf kif isib fejn qed inixxi l-ilma, allura aqra għal pariri siewja dwar kif tkun taf kif issib fejn jaf ikollok xi problema, biex tkun tista’ taqbadha fil-pront.
Iċċekkja l-konsum tal-ilma tiegħek minn fuq wsc.com.mt
Metodu tajjeb kif issib jekk għandekx ilma jnixxi huwa billi żżur is-sit www.wsc.com.mt biex tiċċekkja l-konsum tiegħek tal-ilma. Mur fis-sezzjoni ‘Ara l-mappa’, li turik il-konsum tal-ilma kull xahar, ġimgħa, u anke kull siegħa. Jekk il-grafika turi livell kostanti ta’ konsum tal-ilma, anke billejl, mela żgur li għandek xi ilma jnixxi xi mkien. Bla dubju, dan il-metodu huwa ħafna aktar preċiż milli jekk tiċċekkja l-arloġġ tal-ilma regolarment biex tara l-limitu tal-konsum.
Qabża f’daqqa fil-konsum tista’ tfisser li hemm xi tnixxija. Ejja ma ninsewx li f’każijiet bħal dawn jinħlew ammonti kbar tal-ilma, li jistgħu jwasslu għal kontijiet għoljin li trid tieħu ħsiebhom malajr kemm jista’ jkun.
Iċċekkja l-arloġġ tal-ilma billejl
Inkella, mod ieħor kif tiċċekkja hemmx ilma jqattar huwa billi tiċċekkja l-arloġġ tal-ilma billejl, qabel tmur torqod. L-għada filgħodu erġa’ ċċekkjah. Jekk ikun hemm differenza sinifikanti, dan ifisser li kien hemm xi taqtir billejl u nħela l-ilma. Bħala parti mill-istrateġija tal-Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma biex tnaqqas il-ħela tal-ilma permezz tal-monitoraġġ awtomatiku, il-klijenti b’konsum tal-ilma stramb qegħdin jirċievu SMS/ittra sabiex jiġu avżati biex jieħdu azzjoni immedjata.
Flushing iqattar jaf ikun il-kawża tat-tnixxija tal-ilma
L-aktar kawża komuni ta’ rati ogħla f’daqqa tal-konsum tal-ilma huwa flushing li jkun qed inixxi l-ilma. It-toilets jużaw sa 30% mill-ilma tad-dar, allura importanti tiċċekkja li qegħdin jaħdmu sew. Tankijiet li fihom kemm tagħfas buttuna għandhom ħabta jfuru għal ġot-toilet. Mhux faċli tilmaħ dan it-taqtir, allura jaf jinħela ħafna ilma. Biex tiċċekkja trid tagħmel xi kulur tal-ikel ġot-tank. Jekk ilma kkulurit iqattar għal ġot-toilet, mela l-ilma jkun qed inixxi. Għandek tirranġa xi viti jew doċoċ li jqattru minnufih.
Taqtir ieħor tal-ilma ġod-dar
Il-heater tal-ilma tiegħek ħin kollu għaddej? Dan jista’ jfisser li hemm xi taqtir fis-sistema tal-pajpijiet tal-misħun. Iċċekkja l-vit tal-kċina wkoll u tinsiex it-tappijiet esterni fil-gallariji jew ġol-ġnien. Tista’ anke tiċċekkja wara d-dishwasher u l-magna tal-ħasil tal-ħwejjeġ. Jekk tiċċekkja malajr jaf issib sinjali ovvji ta’ taqtir. Iċċekkja wkoll hux ifur l-ilma minn ġot-tank. Qed iqattar l-ilma minn ġol-pajpijiet tat-tifwir tiegħek? Għandek taġġusta l-istopcock jew tibdlu? Jekk ma ntbaħtx b’xi tnixxija ovvja ġod-dar, mela jista’ jkun il-pajp bil-provvista tal-ilma. Dan jgħaqqad id-dar mal-arloġġ tal-ilma. Biex tiċċekkja jekk huwiex dan il-pajp li qed iqattar, itfi t-tapp intern qrib l-arloġġ, biex ma jasalx ilma ġod-dar. Jekk l-arloġġ għadu għaddej, mela t-tnixxija jaf qiegħda ġol-ħitan tal-propjetà, jew taħt l-art. F’dak il-każ l-aħjar parir ikun li tqabbad plumber li jirnexxilu jsewwi l-ħsara.
Jekk darek għandha 25 sena jew aktar, normali tistenna li d-din tibda tmajna. Ħu vantaġġ mill-apparat, it-teknoloġija u s-sensi mħarrġin ta’ espert biex twettaq spezzjoni komprensiva. Jekk tissuspetta li hemm xi ilma qed inixxi fis-sistema tal-plumbing, tiddejjaqx iċċempel lill-professjonisti biex jagħtuk l-aħjar parir possibbli.
Jekk m’għandekx ħin għal dan…tal-anqas ara l-kont
Jekk għal xi raġuni jew oħra m’għandekx ħin biex tiċċekkja jew tanalizza l-arloġġ tal-ilma, mela huwa importanti li tara l-kont tal-ilma b’attenzjoni. Jekk il-kont żdied b’mod sinifikanti imma l-użanzi tiegħek ma nbidlux, dan jaf ifisser li għandek xi ħsara. Iġbor ftit kontijiet mix-xhur riċenti u qabbilhom biex tara jekk fil-fatt hemmx żieda kostanti. Il-kont tal-ilma għandu jibqa’ fl-istess ilma minn xahar għal xahar.
It-tnixxija tal-ilma taf tkun ta’ wġigħ ta’ ras li diffiċli tidentifikaha, tiswa ħafna biex issewwiha u tgħolli l-kontijiet tal-ilma. Illum il-ġurnata, hemm affarijiet sempliċi li tista’ tagħmel biex issib minn fejn ġejja l-problema ġo darek. Kull min hu interessat biex isir jaf aktar fuq il-konsum tiegħu tal-ilma u jekk daru hijiex tesperjenza ħsarat bħal dawn, jista’ jżur is-sit water.org.mt.
Dan hu artiklu informattiv ieħor ippubblikat mill-Aġenzija tal-Enerġija u l-Ilma, bħala parti mill-kampanja nazzjonali ‘Ilma – Ibda Minnek’, biex titqajjem aktar kuxjenza fuq l-użu sostenibbli u effiċjenti tar-riżorsi tagħna tal-ilma.