Skip to main content

Gadgets li jtejjbu l-effiċjenza fl-użu tal-ilma ser jitqassmu f’Malta u Għawdex

Li tiffranka mill-konsum tal-ilma huwa aktar faċli milli taħseb, speċjalment meta tinstalla gadgets li jiffrankaw l-ilma. Illum il-ġurnata ssib ħafna teknoloġija fis-suq li jgħinuk tiffranka l-enerġija, l-ilma u l-flus u fl-istess ħin tkun qed tagħti wkoll kontribut siewi lejn l-ambjent. Il-kampanja nazzjonali mnedija s-sena l-oħra, L-Ilma – Ibda Minnek, qed tibda tilħaq lill-Maltin u l-Għawdxin permezz ta’ distribuzzjoni nazzjonali msejħa ‘Town Tours’, li se tibda minn Jannar.

Fix-xhur li ġejjin, kull residenza primarja f’Malta u Għawdex se tirċievi Gift Pack minn tim ta’ uffiċjali tal-ilma. Dan il-Gift Pack jinkludi gadgets għall-konservazzjoni tal-ilma, li jservu bħala introduzzjoni dwar kif b’interventi ċkejkna, wieħed jista’ itejjeb il-konsum tal-ilma fid-dar. Kull Gift Pack jinkludi aerator li jnaqqas il-fluss ta’ ilma waqt li jżomm il-pressa tajba, u scraper li biha wieħed jista’ jlaqqat il-platti maħmuġin qabel ma’ dawn jintefgħu għall-ħasil fid-dishwasher.

L-istess Gift Pack jinkludi wkoll fuljett ta’ informazzjoni li jagħti pariri dwar kif tista’ tiffranka l-ilma u voucher li jista’ jissarraf b’xejn għal kit għall-konservazzjoni tal-ilma li jinkludi 5 gadgets bħal shower head bi fluss baxx. Dawn huma gadgets li huma sempliċi biex jiġu installati, u huma garantiti li jnaqqsu l-konsum tal-ilma tiegħek mingħajr ma jnaqqsu l-kwalità tal-pressa.

Il-vouchers jistgħu jiġu mifdija minn fuq il-Mobile Unit tal-kampanja li ser tkun qed iżżur postijiet ċentrali f’kull belt u raħal jew mill-uffiċċju ta’ informazzjoni tal-Kampanja GĦAJN, iċ-ċentru nazzjonali ta’ għarfien dwar il-konservazzjoni tal-ilma fir-Rabat, Malta. Sabiex tkun taf meta se nkunu qed inżuru l-belt jew ir-raħal tiegħek, żur water.org.mt/join-the-drops/ jew il-paġna tagħna tal-Facebook L-Ilma – Ibda Minnek.

Il-Water Mobile Unit, ser iżur bliet u rħula madwar Malta u Għawdex kif ukoll fieri u avvenimenti nazzjonali, bil-għan li ssaħħaħ il-messaġġ li jekk kulħadd jagħmel il-parti żgħira tiegħu, inkunu qed nagħmlu ħafna biex nikkonservaw l-ilma prezzjuż ta’ Malta. B’hekk isseħħ il-bidla.

Kull min hu interessat jitgħallem aktar dwar il-konsum tal-ilma tiegħu u kif jista’ jsir aktar effiċjenti jista’ jżur il-website water.org.mt, iżur il-Mobile Unit waqt li din tkun preżenti waqt attivitajiet tal-Kunsilli Lokali jew jagħmel appuntament għal verifika ma’ uffiċjal tal-ilma li jkun qed iżur id-dar tagħhom. Dawn il-verifiċi jiggwidawk dwar kif tista’ tiffranka l-ilma, l-enerġija u l-flus.

 

Ħalli kumment