Skip to main content

Sir Promotur tal-Ilma u kun il-bidla li neħtieġu

Waqt it-tnedija reċenti tal-Kampanja Nazzjonali għall-Konservazzjoni tal-Ilma, il-Ministru għall-Enerġija u l-Immaniġġjar tal-Ilma, l-Onor. Joe Mizzi flimkien mas-CEO għall-Aġenzija għall-Enerġija u l-Ilma, is-Sur Manuel Sapiano, nedew il-kampanja L-ILMA – Kun il-Bidla. Din il-kampanja għandha l-għan

 

Il-pubbliku ġenerali qed jiġi mistieden biex ikun involut direttament u jkun parti mill-bidla billi jirrispondi għall-espressjoni ta’ interess li qed tkun imnedija bħala waħda mill-ewwel inizjattivi biex jingħata bidu għal din il-kampanja li se tkun mifruxa fuq tliet snin. Jeħtieġ li l-applikanti jkunu interessati li jsirilhom intervent tekniku b’xejn f’darhom b’tali mod li se jgħinhom isiru aktar effiċjenti fl-użu tal-ilma.

 

Fi ftit kliem, l-applikanti li huma konformi mat-termini u l-kundizzjonijiet kif murija fil-formola tal-applikazzjoni se jkollhom verifika b’xejn tar-residenza tagħhom. Uffiċjali mill-kampanja L-ILMA – Kun il-Bidla se jżuru r-residenzi biex jevalwaw il-konsum tal-ilma fuq il-post u jiddiskutu x’miżuri jistgħu jittieħdu biex tittejjeb l-effiċjenza fl-użu tal-ilma. Dawn il-miżuri jistgħu jinkludu bidliet sempliċi bħal bdil tal-punti minn fejn jittieħed l-ilma, jew tagħmir mhux effiċjenti, inkella, jekk meħtieġ, jittieħed approċċ aktar intensiv bħal li ssir riabilitazzjoni tat-tankijiet tal-ilma jew, jekk ikun hemm bżonn, bdil ta’ pajpijiet tal-ilma li jkunu jqattru.

 

Wara l-verika kull każ se jiġi diskuss taħt il-gwida ta’ inġinier professjonali, u jekk ir-rakkomandazzjonijiet ikunu jidhru li jistgħu jitwettqu, u maqbula wkoll mill-applikant, ix-xogħlijiet jiġu kkummissjonati, implimentati u mmonitorjati bla ħlas. Dawk l-applikanti li jkollhom suċċess isiru l-Promoturi tal-Ilma ta’ Malta billi jkunu eżempju tanġibbli dwar kif skemi tal-konservazzjoni tal-ilma jistgħu jkunu mwettqa fil-prattika b’mod effiċjenti.

 

L-għan ewlieni ta’ din l-iskema hu biex jintwera kemm ftit miżuri sempliċi jistgħu jservu ħafna biex itejbu l-effiċjenza fl-użu tal-ilma fid-dar u kif ir-riżorsi tal-ilma jistgħu jintużaw b’mod aktar effiċjenti u b’mod li qed ikun dejjem aktar sostenibbli.

 

Dawk interessati li jkunu parti minn din il-bidla pożittiva u jsiru Promoturi tal-Ilma għandhom japplikaw fuq is-siti www.water.org.mt jew www.ilma.org.mt. L-applikazzjonijiet issa huma miftuħa u l-parteċipanti se jintagħażlu fuq diversi kriterji biex ikun żgurat li jittieħed l-aktar kampjun wiesa’ tal-popolazzjoni ġenerali.

 

 

Il-proġett tal-Kampanja Nazzjonali għall-Konservazzjoni tal-Ilma huwa kofinanzjat mill-Unjoni Ewropea taħt il-Fondi ta’ Koeżjoni – Fondi Strutturali u ta’ Investiment Ewropej 2014-2020. Aktar informazzjoni ssibuha fuq  is-sit www.water.org.mt.

Ħalli kumment