Il-COVID-19 ħasad lid-dinja u bħal kull pajjiż ieħor, lokalment affettwalna l-ħajja tagħna ta’ kuljum. Minkejja l-kruha ta’ din is-sitwazzjoni, xi affarijiet jaf ikollhom impatt pożittiv fit-tul fuq il-pjaneta u fuq l-umanità.
Dan il-virus qed jagħtina sens ġdid ta’ apprezzament u gratitudni. Offrielna perspettiva ġdida fuq l-affarijiet li tant aħna mdorrijin bihom u ma nagħtux kashom, inkluż il-konservazzjoni tal-ilma. Il-COVID-19 jaf ikollu impatti kemm diretti, kif ukoll indiretti, fuq ir-riżorsi tal-ilma. Dan iż-żmien ta’ sfida, partikolarment minħabba użu akbar tal-konsum tal-ilma fid-dar, qed jgħin lil kulħadd jifhem u jirrealizza kemm hu importanti li wieħed juża l-ilma b’mod responsabbli fil-ħajja, u b’hekk aktar nies qegħdin isiru iżjed konxji tal-użu tal-ilma fid-dar u fuq il-post tax-xogħol. Għal kull żvantaġġ, hemm vantaġġ, u huwa minnu li anke dan ix-xenarju għandu xaqq ta’ dawl.
Żieda fl-użu tal-ilma
F’April u f’Mejju, in-nies intalbu joqogħdu d-dar, filwaqt li bħala strateġija kritika fit-trażżin tal-imxija tal-coronavirus, ġie enfasizzat il-ħasil tal-idejn, tad-dar u d-diżinfettar fuq bażi regolari. Biex l-ebda mikrobu ma jibqa’ fuq l-uċuħ tal-għamara fid-dar, il-metodu suġġerit huwa t-tindif, u warajh, id-diżinfettar. Bla dubju, dan kollu rriżulta f’aktar użu ta’ ilma min-normal.
Naturalment, żieda fl-użu tal-ilma jwassal għal żieda fil-kontijiet. . Ħafna negozji bdew isibuha diffiċli biex ikampaw f’din is-sitwazzjoni, u dan wassal fi dħul inqas, jew l-ebda dħul f’xi każijiet, filwaqt li xorta waħda riedu jħallsu l-ispejjeż tagħhom ta’ kull xahar, inkluż il-kera.
Modi kif iżżomm il-kont tal-ilma baxx waqt il-COVID-19
Aktar kemm tqatta’ ħin id-dar, aktar tikkonsma ilma. Għal din ir-raġuni, huwa importanti li titgħallem kif tuża l-ilma b’mod sostenibbli sabiex il-kont tal-ilma jiġik irħas u tkun qed tagħmel il-parti tiegħek għall-ambjent. Waħda mill-eħfef miżuri kif tikkonserva l-ilma, mhux biss waqt il-pandemija, huwa billi tara li jkollok arjatur imqabbad ma’ tarf il-vit. L-arjatur inaqqas il-volum tal-ilma ħiereġ mill-vit imma xorta jagħtik pressa tajba billi jonfoħ l-arja ġol-ilma li jkun ħiereġ.. L-aktar arjaturi effiċjenti jistgħu jnaqqsu kemm joħroġ ilma b’madwar 90%, allura ipattu għal kemm ikun qed jintuża aktar ilma għall-ħasil tal-idejn.
Madankollu, hemm modi aktar sempliċi kif ma taħlix l-ilma meta tkun id-dar waqt il-pandemija tal-coronavirus:
- Tħallix l-ilma jagħti waqt li taħsel snienek. Familja ta’ erbgħa tista’ taħli sa 200 barmil ilma inqas fis-sena b’din il-miżura sempliċi. Ikkonserva l-ilma għax hekk sewwa.
- Biex tikkonsma inqas ilma u dawl, utiffranka l-flus, qatt tuża d-dishwasher jekk din ma tkunx mimlija.
- Meta tkun qed tixtri washing machine ġdida jew dishwasher ġdida, iċċekkja r-rekwiżiti tal-ilma tad-diversi ditti u mudelli. Xi wħud jużaw aktar ilma minn oħrajn.
- Il-ktieli għandhom jimtlew b’kemm għandek bżonn ilma, imma mhux b’aktar. Dan għandu jraħħaslek il-kont tad-dawl ukoll.
- Ħu xawer ta’ erba’ minuti kuljum billi ddoqq id-diska favorita tiegħek għal waqt li tieħu doċċa, li tkun twila erba’ minuti. B’hekk ikun iktar faċli żżomm mal-ħin.
- Sewwi l-viti li qegħdin iqattru minnufih! Jekk għandek vit li jqattar b’rata ta’ taqtira kull sekonda, tista’ taħli sa 1,900 litru ilma fis-sena, li hu daqs 950 flixkun ta’ 2 litri.
- Iċċekkja jekk ikollokx ilma qed iqattar billi tuża s-servizz offrut online mill-Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma – wsc.com.mt.
- Tiċċekkja jekk għandekx xi leak sempliċiment billi tagħlaq il-vitien fil-propjetà tiegħek u mbagħad tħares lejn l-arloġġ tal-ilma. Jekk l-arloġġ tal-ilma jieqaf, m’għandekx problemi, imma jekk jibqa’ jiżdied, dan ifisser li għandek l-ilma qed iqattar.
- Jekk għandek bir, ibda użah! Inkella investi f’tank biex tiġbor l-ilma tax-xita u ibda uża dan l-ilma biex issaqqi l-qsari jew is-siġar jew biex tifflaxxja t-toilets.
- Jekk għandek toilet tradizzjonali, poġġi flixkun ilma ta’ litru fit-tank jew uża l-hippo bag ta’ ġol-kit li qed titqassam fil-mobile unit bħala parti mill-kampanja biex inqajmu kuxjenza u nippromwovu l-effiċjenza fl-użu tal-ilma. Dawn il-kits qegħdin jitqassmu waqt it-Town Tours ta’ Join the Drops biex jonqos il-volum tal-ilma li jiġi fflaxxjat.
Ftit flimkien isarraf f’ħafna għal xulxin
Dawn huma jiem ta’ sfida. Il-COVID-19 jaf joħloq biża’, stress, u ansjetà. Madankollu, dan iż-żmien jista’ jkun wieħed ta’ opportunità eċċezzjonali biex nibdew ninkludu xi drawwiet ambjentali fir-rutina tagħna ta’ kuljum, biex nevitaw li neħlu l-flus u l-ilma. Ftit flimkien isarraf f’ħafna għal xulxin. Ejjew ma nħallux dan iż-żmien straordinarju jżid l-istress fiżiku u mentali, imma minflok, jgħinna nifhmu li bi ftit interess u sens komun nistgħu ngħinu biex innaqqsu l-iskart u nikkonservaw l-ilma.
Jekk timplimenta wħud mill-pariri msemmijin mill-ewwel, dan se jgħin biex il-kont tal-ilma żżommu baxx u tikkonserva l-ilma mingħajr ma tissagrifika l-kumdità ta’ familtek fid-dar fil-pandemija tal-coronavirus. Apparti hekk, li tikkonsma inqas ilma hu aktar faċli milli taħseb, speċjalment meta tiffaċilita l-proċess billi tinstalla apparat li ma jaħlix l-ilma.
L-Ilma – Ibda Minnek
Il-kampanja nazzjonali Maltija L-Ilma – Ibda Minnek, li tnediet is-sena li għaddiet, qed tiġi megħjuna b’distribuzzjoni madwar il-pajjiż permezz tat-tour bl-isem ‘Join the Drops.’ F’dawn l-aħħar xhur, kull residenza primarja f’Malta u Għawdex beda jkollha żjara minn tim ta’ uffiċjali tal-ilma li qed jaħdmu fuq il-kampanja, li qegħdin iwasslu dawn il-pakketti direttament fuq l-għatba tan-nies.
Dawn il-pakketti, li jservu bħala l-ewwel pass biex wieħed jikkonsma l-ilma b’mod aktar effiċjenti, jinkludu arjatur, li jnaqqas kemm joħroġ ilma filwaqt li jżomm l-ammont tajjeb ta’ pressjoni, u paletta biex tlaqqat l-ikel li jkun fadal fil-platti sabiex ikun aktar faċli li tnaddaf il-platti maħmuġin qabel ma taħsilhom, kemm jekkfis-sink, kif ukoll jekk fid-dishwasher.
Il-pakkett jinkludi wkoll fuljett b’informazzjoni fuq kif ma taħlix l-ilma, u vawċer, li jissarraf f’kit akbar b’apparat biex jiġi kkonservat l-ilma. Din it-tieni kit tinkludi ħames aġġeġġi effettivi bħal doċċa effiċjenti, arjatur tal-kċina, arjatur tal-kamra tal-banju, hippo bag u swiċċ li jinxtegħel u jintefa’li jgħinek ma titlifx it-temperatura. Kollha huma faċli biex tinstallahom, u jiggarantixxu li tikkonsma inqas ilma mingħajr ma tikkomprometti l-kwalità jew il-fluss tal-ilma.
Kull min hu interessat biex isir jaf aktar fuq il-konsum tiegħu tal-ilma u kif jista’ juża l-ilma b’mod aktar effiċjenti, jista’ jżur is-sit ilma.org.mt biex jaqra fuq mezzi kif jista’ jaħli inqas ilma jew jibbukkja żjara f’daru.