2 September 2019
Imnedija Kampanja Nazzjonali għall-Konservazzjoni tal-Ilma
Il-Ministru għall-Enerġija u l-Immaniġġjar tal-Ilma Joe Mizzi nieda kampanja nazzjonali ta’ għarfien u kuxjenza dwar il-konservazzjoni tal-ilma waqt konferenza tal-aħbarijiet li saret iktar kmieni llum fil-Ministeru fil-Belt Valletta. Il-kampanja L-ILMA: Ibda Minnek għandha l-għan li teduka u trawwem kultura li twassal għal użu iktar effiċjenti tar-riżorsi tal-ilma u għarfien akbar dwar il-konservazzjoni tal-ilma fil-gżejjer Maltin. Il-kampanja ser tibqa’ għaddejja għat-tliet snin li ġejjin u ser tkun indirizzata lejn is-setturi domestiċi, kummerċjali kif ukoll dawk agrikoli.
Il-Ministru spjega l-għanijiet ewlenin tal-kampanja fosthom il-bżonn ta’ trawwim ta’ għarfien xieraq dwar il-konsum tal-ilma u l-konservazzjoni tiegħu fis-setturi kollha tas-soċjetà. Huwa tkellem dwar benefiċċji varji li l-kampanja ser toffri liċ-ċittadin, fosthom it-tqassim ta’ sett ta’ gadgets li jgħinu fit-tnaqqis tal-konsum tal-ilma, fid-djar Maltin u Għawdxin. Bħala parti mill-kampanja, se jkun varat ukoll mobile unit li permezz tiegħu, il-kampanja ser tasal f’kull belt u raħal f’Malta u Għawdex sabiex il-pubbliku jkun jista’ jirċievi informazzjoni utli dwar kif jistgħu jagħmlu użu effettiv tal-ilma fid-dar. Dan ser ikun qed isir minn tim ta’ nies imħarrġa dwar il-kampanja.
Il-kampanja ser tinkludi wkoll skema li permezz tagħha numru ta’ djar u spazji agrikoli se jsirulhom interventi sabiex fihom titjieb l-effiċjenza fl-użu tal-ilma. Il-parteċipanti li ser jintgħażlu f’din l-iskema, imsejħa Water Champions, ser ikunu xhieda tanġibbli għal kulħadd dwar kif miżuri ta’ konservazzjoni tal-ilma jistgħu jitwettqu b’mod prattiku u effettiv. Il-Ministru spjega kif din l-iskema attraenti ser tkun imnedija fil-ġimgħat li ġejjin.
L-ILMA Ibda Minnek hija kampanja mmexxija mill-Aġenzija għall-Enerġija u l-Ilma li twettaq funzjonijiet li għandhom x’jaqsmu mal-iżvilupp u l-implimentazzjoni ta’ politika dwar l-użu sostenibbli tal-ilma u l-enerġija. Il-Kap Eżekuttiv tal-Aġenzija Manuel Sapiano spjega kif permezz ta’ din il- kampanja Nazzjonali, l-Aġenzija ser tkun qed tibda proċess twil fejn kull ċittadin ser ikun imħeġġeġ jikkontribwixxi bl-aktar mod sempliċi għal futur sostenibbli fejn jidħol l-użu tal-ilma f’Malta. Huwa fakkar kif il-kontribuzzjoni ta’ kulħadd, ċkejkna kemm hi ċkejkna, hija importanti sabiex jintlaħqu l-miri fuq livell nazzjonali.
Permezz ta’ din il-kampanja, kull ċittadin ser ikun infurmat dwar kif ir-riżorsi tal-ilma li għandna f’pajjiżna jistgħu jintużaw b’mod aktar effiċjenti, sabiex nassiguraw li nużaw l-istess riżorsi b’mod dejjem aktar sostenibbli. Il-kampanja ser tkun immirata lejn l-imġiba tal-poplu u l-perċezzjonijiet tiegħu dwar l-ilma. Dan għaliex bidliet żgħar fl-imġiba huma ta’ importanza kbira għat-tisħiħ tal-effiċjenza fl-użu tal-ilma.
Waqt it-tnedija tal-kampanja, rappreżentanti mill-Aġenzija taw preżentazzjoni qasira dwar l-istrateġija u l-ħsieb kreattiv wara din il-kampanja. Il-kampanja ser titwassal b’mod ċar u u effettiv, bl-għan aħħari jkun li s-setturi kollha jiġu mħeġġa jibdew jikkontribwixxu għal konservazzjoni aħjar tal-ilma.
Dan il-proġett hu parzjalment iffinanzjat mill-Unjoni Ewropea, bħala parti mill-Fond ta’ Koeżjoni – Fondi Strutturali u ta’ Investiment Ewropej 2014-2020.