Skip to main content

L-iskejjel jipparteċipaw fil-Kampanja Nazzjonali għall-Konservazzjoni tal-Ilma

Il-Kampanja Nazzjonali għall-Konservazzjoni tal-Ilma; L-ILMA – , Ibda Minnek, għandha l-għan li tqajjem kuxjenza u tmexxi ‘l quddiem il-messaġġ li jekk kull wieħed minna joqgħod aktar attent u jagħmel il-bidliet żgħar fil-mod ta’ kif nużaw l-ilma b’mod aktar effiċjenti, nistgħu nagħmlu differenza kollettiva. Bħala parti minn din il-kampanja ta’ tliet snin, qed jiġu organizzati diversi żjarat fl-iskejjel madwar Malta u Għawdex, kemm dawk pubbliċi kif ukoll dawk tal-Knisja u jew privati, bl-iskop li ngħallmu lit-tfal tagħna, drawwiet żgħar u rutini ta’ kuljum għall-prattiċi tajbin fuq l-użu tal-ilma. Dawn jgħinu ukoll sabiex nippreservaw ir-riżorsi tagħna għall-ġejjieni.

Fi sforz sabiex ngħinu lit-tfal jaħsbu u biex jipparteċipaw b’mod attiv fl-iffrankar tal-ilma fi djarhom, fl-iskola u kull darba li jkunu barra, il-kumpanija tejatrali More or Less, ipproduċiet reċta li ddur madwar żewġ karattri u li hija maħluqa sabiex f’temp qasir, tiġbed l-attenzjoni tat-tfal b’mod edukattiv filwaqt li tinkoraġġihom sabiex jieħdu sehem dirett fiha. Din ir-reċta fuq stil ta’ kummiedja, hija relatabbli ħafna għat-tfal u maħsubha sabiex iddaħħakhom u fl-istess ħin trawwem fihom kuxjenza favur il-konservazzjoni tal-ilma.

Biex tiprenota din ir-reċta fl-iskola tiegħek, ikkuntatja l-kumpanija tat-teatru, More or Less permezz tal-paġna tagħhom fuq Facebook, jew żur is-sit www.water.org.mt. Minn fuq l-istess sit tista’ tibbukja ukoll żjara tal-iskola f’GĦAJN: Iċ-Ċentru Nazzjonali dwar l-għarfien tall-Konservazzjoni tal-Ilma li jinsab fir-Rabat.  F’GĦAJN it-tfal isibu aktar programmi edukattivi bħalma huma Fairly-Hydrated Knight, il-Water Cycle u l-Water Hero, b’dan tal-aħħar hu mmirat għall-istudenti tal-iskola Primarja, waqt li l-Water Manager programme għandu l-għan li jilħaq studenti li għandhom l-età ta’ bejn 11 u 13-il sena.

Dawn l-inizjattivi għat-tfal jistgħu jiġu organizzati billi l-amministraturi tal-iskola jew l-għalliema jikkuntattjaw l-is-Staff taċ-Ċentru GĦAJN jew jibbukjaw żjara permezz tal-indirizz elettroniku fuq [email protected]. Jistgħu ukoll iċemplu fuq 22292181.

L-Ilma – Ibda Minnek, hija kampanja nazzjonali għall-konservazzjoni tal-ilma mnedija f’Settembru 2019 bl-għan li twassal kampanja edukattiva u ta’ sensibilizzazzjoni effettiva dwar l-użu ottimizzat u effiċjenti tar-riżorsi tal-ilma biex tiffaċilita bidla kulturali fl-imġieba tan-nies lejn il-konservazzjoni tal-ilma fil-Ġżejjer Maltin. Il-kampanja ser tibqa’ għaddejja għal perjodu ta’ tliet snin u hija mmirata għas-setturi domestiċi, kummerċjali u agrikoli.

Dan il-proġett huwa parzjalment iffinanzjat mill-Unjoni Ewropea taħt il-Fond ta ‘Koeżjoni – Fondi Ewropej Strutturali u ta’ Investiment 2014-2020.

Ħalli kumment