Skip to main content

Għaliex kulħadd għandu bżonn l-ilma?

Kull ħaġa ħajja fid-dinja għandha ħaġa komuni mal-bqija; ilkoll għandhom bżonn l-ilma biex jgħixu. Il-ħajja għandha bżonn l-ilma biex tiffunzjona sew. L-affarijiet ħajjin, kollha għandhom bżonn l-ilma biex jgħixu. Mingħajr ilma, il-ġisem tagħna jieqaf jaħdem kif suppost.

 

L-ilma jinsab kullimkien. L-ilma jkopri 70% tal-wiċċ f’din id-dinja, u madwar 60% tal-ġisem tagħna huwa magħmul minn xejn ħlief ilma. Kuljum, kull persuna fid-dinja teħtieġ ammont ta’ ilma nadif,għax-xorb, għat-tisjir, u anke biex sempliċement inżomml-indafa.

 

Kull ċellola f’ġisimna hija magħmula primarjament mill-ilma u teħtieġ li tkun imdawra bl-ilma l-ħin kollu biex tiffunzjona sew. Fil-ġisem tal-bniedem, l-ilma jwettaq numru konsiderevoli ta’ funzjonijiet sinifikanti u vitali biex nibqgħu kontinwament b’saħħitna, għaldaqstant din hija r-raġuni għaliex l-ilma huwa element daqstant essenzjali biex il-ġisem tagħna jgħix. Barra minn hekk, il-ġisem tagħna għandu bżonn l-ilma għaliex fost funzjonijiet oħra, l-ilma huwa dak li jgħin fl-eliminazzjoni tal-iskart metaboliku li jinħall mill-kliewi, permezz tal-produzzjoni tal-awrina. L-ilma jassigura wkoll ir-regolazzjoni tat-temperatura tal-ġisem tagħna. Huwa l-kostitwent ewlieni tal-għaraq tal-ġisem tagħna, u permezz tal-evaporazzjoni minn wiċċ il-ġilda, l-ilma jgħin biex ineħħi s-sħana żejda tal-ġisem. Fil-fatt, nuqqas ta’ ilma hija r-raġuni ewlenija tal–għeja matul il-ġurnata tagħna. Sempliċi tnaqqis ta’ 2% tal-ilma mill-ġisem tal-bniedem, jista’ jwassal għal telf ta’ memorja, problemi fis-somom bażiċi u diffikultà biex tiffoka waqt li tkun qed taqra jew tagħmel xogħol ieħor.

 

Hu fatt li l-ilma hu indispensabbli għall-idratazzjoni u għall-produzzjoni tal-ikel, iżda l-indafa u s-sanità huma ugwalment importanti, u ekwivalenti, għall-użu tal-ilma. Nuqqas ta’ servizzi xierqa ta’ iġene ma jwasslux biss biex persuna tħossha ma tiflaħx u b’hekk jiżdied il-mard. L-ilma jista’ wkoll ifejjaq ħafna problemi komuni u problemi relatati mal-ġisem tagħna bħal fil-każ ta’ uġigħ ta’ ras, għeja, uġigħ fil-ġogi u aktar. Nistgħu ngħaddu ġimgħat mingħajr ikel, imma mingħajr ilma, ġisimna jista’ jgħaddi ftit jiem biss!

 

Sabiex nibqgħu b’saħħitna, l-ilma fil-ġisem tagħna għandu jibqa’ f’livell kostanti, jiġifieri li kull ħaġa li l-ġisem tagħna jitlef kuljum trid tiġi sostitwita bi kważi l-istess ammont. Il-kwantità ta’ ilma meħtieġ f’ġisem uman, tvarja minn persuna għall-oħra u tiddependi fuq diversi fatturi; bħal per eżempju kemm int attiv, l-età u s-sess tiegħek, jekk intix qed tistenna tarbija u kemm hi sħuna jew kiesħa t-temperatura ta’ madwarek.

 

Bla dubju, l-ilma huwa fundamentali u indispensabbli għaċ-ċirkolazzjoni ta’ ġisimna. Il-livelli ta’ ossiġnu fid-demm tal-ġisem huma ikbar meta l-ġisem ikun idratat sew. Huwa importanti li nifhmu li meta ġisimna jkun qed juża ħafna ossiġnu, dan iwassal għal aktar ħruq ta’ aktar xaħam għall-enerġija. Meta tkun qed tevita jew tiċċaħad milli tixrob u tikonsma l-ilma, dan jista’ jaffettwa ġisimna b’mod negattiv, saħansitra wara ġurnata waħda biss. L-iktar effett komuni meta wieħed ma jikkunsmax ammonti biżżejjed ta’ ilma hi d-deidratazzjoni.

L-ilma huwa importanti wkoll għall-ambjent tagħna. Il-passaġġi tal-ilma tagħna huma riżorsa ewlenija li jintużaw minn nies, pjanti u annimali. Aħna għandna bżonn l-ilma għall-ambjent li ngħixu fih sabiex ikollna porzjon ta’ ilma li jkun riżervat fit-tul għaż-żamma tas-saħħa tan-natura tagħna, kif ukoll tal-ekosistemi ta’ taħt l-art, u tal-pjanti u l-annimali li jiddependu minnhom.

 

Tassew każ, li l-ilma huwa riżorsa prezzjuża u ta’ valur li tissodisfa l-bżonnijiet fiżiċi tagħna. L-ilma huwa wkoll parti integrali mill-ħajja ta’ kuljum tagħna, li hija essenzjali għall-eżistenza tal-organiżmi ħajjin kollha f’din id-dinja. Barra minn hekk, l-ilma huwa parti vitali mill-attivitajiet ta’ rilassament tagħna u s-saħħa mentali, peress li huwa importanti għal kull bniedem li jibqa’ kontinwament idratat biex jgħin lis-saħħa mentali tiegħu stess. Wieħed mill-aspetti ta’ saħħa fiżika, emozzjonali u mentali tajba hu li tibqa’ idratat u għalhekk billi tixrob biżżejjed ilma.

 

Peress li l-ilma huwa element tant importanti f’ħajjitna, hu essenzjali li nżommu u nippreservawh għall-futur. Jekk nonqsu milli nikkonservaw l-ilma, dan jista’ iwassal għal nuqqas ta’ provista adegwata u b’saħħitha tal-ilma, u għalhekk dan jista’ jkollu konsegwenzi drastiċi fuq ħajjitna fil-futur.

 

L-ilma huwa essenzjali għall-ħajja, għall-għajxien, għal kollox – għalhekk ejja nibdew napprezzawh aktar.

Ħalli kumment