Skip to main content

Il-fliexken riċiklabbli: Soluzzjoni għall-plastik?

Jekk int wieħed minn dawk li temmen li persuna waħda ma tistax tbiddel id-dinja, possibbilment għandek żball. Meta tagħżel li tinvesti fi flixkun tal-ilma riċiklabbli, mhux biss tkun qed tgħin biex ittejjeb is-saħħa u l-istil tal-ħajja tiegħek stess, iżda tkun qed tgħin ukoll biex ittejjeb is-saħħa tal-ambjent tagħna. Sintendi, meta tinvesti fi flixkun tal-ilma li jista’ jerġa’ jintuża, tkun qed tgħin l-eko sistema li hija unika għall-pjaneta tagħna u komuni għal kulħadd.

Iż-żieda fl-użu tal-plastik f’dawn l-aħħar ħamsin sena ħolqot problema ekoloġika estensiva minħabba li jinġabar l-iskart tal-plastik fix-xmajjar u l-oċeani, u jnixxu fl-ilma li nikkunsmaw numru ta’ tossini. Bosta konsumaturi ħabrieka fittxew modi kif inaqqsu l-konsum tal-plastik tagħhom, kemm għal raġunijiet ta’ saħħa kif ukoll ambjentali. Li tagħmel il-bidla neċċessarja u tibda tuża fliexken tal-ilma li huma riċiklabbli huwa mod tajjeb ħafna biex tkun qed tagħti sehmek u tnaqqas il-kriżi tat-tniġġiż tal-ambjent bil-plastik. Filwaqt li probabbilment din il-bidla fl-użu tal-fliexken riċiklabbli diġà qed issir minn ħafna Maltin u Għawdxin, jista’ jagħti l-każ li mhux kulħadd jaf li l-użu mill-ġdid tal-fliexken tal-ilma u l-mili mill-ġdid tagħhom bl-ilma, jista’ jkun aħjar kemm għalik kif ukoll għall-ambjent tagħna. Dan għalfejn?

Il-problema tal-iskart tal-plastik

Fl-aħħar deċenji, l-użu tal-ilma bbottiljat fil-plastik żdied. Illum, aktar minn miljun flixkun tal-plastik jinxtraw kull minuta madwar id-dinja u ż-żieda fl-użu tal-fliexken tal-plastik mistennija tkompli tiżdied fis-snin li ġejjin. Huwa stmat li kull sena fl-Ewropa qed nipproduċu 25 miljun tunnellata ta’ skart tal-plastik. Kważi 60% ta’ dan l-iskart kollu tal-plastik jiġi mill-ippakkjar ta’ prodotti u ikel, inkluż ilma bbottiljat. L-akbar problema hija li l-ġenerazzjoni tal-iskart tal-plastik qed tiżdied b’rata ogħla mir-rati tar-riċiklaġġ. Anke f’Malta, il-ġenerazzjoni ta’ skart tal-plastik qed tiżdied u għalhekk din il-problema teżisti wkoll f’pajjiżna. Kulħadd qed jagħmel il-parti tiegħu biex tkun indirizzata din il-problema tal-iskart tal-plastik. Dan qed isir permezz ta’ separazzjoni xierqa tal-iskart, kemm dak li jintrema kif ukoll dak li jiġi riċiklat. Madankollu dan mhuwiex biżżejjed u hu propju hawnhekk fejn wieħed jista’ tassew jagħmel differenza kbira meta jerġa’ juża l-flixkun tal-ilma tiegħu, bl-għan li tkun indirizzata kif suppost il-problema tal-iskart tal-plastik.

Din il-bidla minima fid-drawwiet tagħna ta’ kuljum, tista’ tkun ta’ kontribut kbir u saħansitra twassal għat-tnaqqis tal-iskart tal-plastik li qed jiġi ġġenerat. Il-plastik huwa materjal ħafif u versatili u għalhekk huwa materjal li faċilment jista’ jindera u jkun ikkunsmat kuljum u fuq bażi regolari. Ir-riżultat tal-popolarità tal-użu tal-plastik f’Malta, iwassal sabiex kull persuna f’pajjiżna tiġġenera ’l fuq minn 70kg ta’ skart fis-sena minn dan il-materjal. Dan il-fatt juri li din l-isfida mhix problema ċkejkna għal Malta.

L-użu mill-ġdid tal-flixkun tal-ilma tiegħek

Il-biċċa l-kbira tal-fliexken tal-ilma li qed jiġu prodotti llum huma siguri u tajbin biżżejjed kemm biex jintużaw darba kif ukoll għal użu ripetut. Hu imperattiv, li meta terġa’ tuża l-fliexken tal-plastik, tkun ċert li l-kontenitur tal-plastik jkun għadu fi stat tajjeb peress li l-plastik tal-flixkien mhux materjal b’saħħtu. Però, wieħed għandu jaċċerta wkoll, li qabel ma jerġa’ jintuża l-flixkun tal-plastik, dan jitlaħlaħ sew sabiex tiġi evitata l-akkumulazzjoni ta’ mikrobi. Madankollu għal soluzzjoni permanenti, hu ssuġġerit li jintagħżel flixkun tal-ilma tal-istainless steel, li apparti li probabbilment ikun aktar attraenti fid-dehra, huwa aktar b’saħħtu u faċli biex jitnaddaf. Illum il-ġurnata, dawn it-tip ta’ fliexken tal-ilma, saru dejjem aktar disponibbli għal kulħadd biex jintużaw u tista’ ssibhom f’diversi forom, kuluri u daqsijiet.

Bħala parti mill-kampanja nazzjonali L-Ilma, Ibda Minnek, waqt l-avvenimenti pubbliċi f’lokalitajiet varji qed jitqassmu fliexken tal-ilma tal-istainless steel. Dawn il-fliexken qegħdin jitqassmu apposta għax huma tajbin biex jerġgħu jintużaw u għandhom l-għan li jħeġġu l-użu akbar ta’ dawn it-tip ta’ fliexken riċiklabbli, u b’hekk tkun qiegħed tgħin ukoll biex tiġi indirizzata l-problema tal-iskart tal-plastik.

Il-benefiċċji meta nibdew nużaw fliexken tal-ilma riċiklabbli

Li tgħix stil ta’ ħajja li jkun ħieles mill-użu tal-plastik huwa possibbli, iżda dan jirrikjedi sforz akbar. Nistgħu faċilment innaqqsu l-iskart tal-plastik tagħna permezz ta’ bidliet sempliċi. Nistgħu xorta waħda nixorbu biżżejjed ilma u nibqgħu idratati u nagħmlu użu mill-ġdid tal-fliexken tal-ilma. Meta tagħżel li tikkonsma l-ilma tax-xorb permezz ta’ flixkun riċiklabbli ta’ kuljum, ħafna drabi se tkun qed tħallas anqas flus peress li ħafna drabi, meta timla l-flixkun tiegħek bl-ilma tax-xorb, dan ikun irħas milli meta tixtri flixkun tal-ilma ġdid tal-plastik. Minbarra dan, hu importanti li nżommu f’moħħna l-benefiċċji ambjentali li din il-bidla fil-ħajja ta’ kuljum  jista’ jkollha fuq l-ambjent.

Fid-dinja kollha, madwar 8 miljun tunnellata ta’ skart tal-plastik fis-sena, jispiċċa fl-oċeani u jifformaw żoni kbar taż-żibel fil-wiċċ tal-baħar li jfixklu l-ekosistema u jispiċċaw biex joħolqu mikro-plastik perikoluż li ħafna drabi qed jispiċċa jittiekel mill-ħafna kreaturi tal-baħar, inkluż il-ħut. F’Malta, sfortunatament il-fliexken tal-plastik u t-tappijiet tagħhom huma wieħed mill-iktar oġġetti komuni li jinstabu fiż-żoni kostali u l-bajjiet tagħna, ovvjament għad-detriment tal-ambjent u ta’ kull min ikun qed igawdi dawn iż-żoni rikreattivi. M’hemmx dubju li l-baħar Mediterranju u l-bajjiet tagħna jkunu aktar sikuri u nodfa, kemm-il darba jiżdied l-użu tal-fliexken riċiklabbli għall-ilma.

Il-bidla li nistgħu nagħmlu f’ħajjitna, ċoé dik li ma nibqgħux nikkonsmaw ilma bbottiljat u minflok nibdew nixorbu l-ilma ġo flixkun li jista’ jerġa’ jintuża mill-ġdid, huwa pass żgħir li kull wieħed u waħda minna nistgħu nagħmlu u li jista’ jkollu impatt pożittiv fuq il-futur tagħna. Jekk nitgħallmu u nrawmu din il-kultura, inkunu qed nagħmlu differenza kbira fuq l-ambjent tagħna. B’din il-bidla żgħira ta’ kuljum, inkunu qed ngħinu mhux ftit biex jonqos l-iskart tal-plastik iġġenerat filwaqt li ngħinu l-ambjent ta’ madwarna, illum u għas-snin li ġejjin.

Ħalli kumment