Skip to main content

Kif innaqqsu l-ħela tal-ilma bil-monitoraġġ?

L-ilma huwa wieħed mir-riżorsi l-aktar prezzjużi tad-dinja. Aħna mdorrijin li jkollna ilma nadif u tajjeb għax-xorb provdut fi djarna, madankollu, waqt li l-klima tad-dinja tinbidel u l-popolazzjoni dinjija tiżdied, sa 5.7 biljun persuna jistgħu jkunu qegħdin jgħixu f’żoni fejn l-iskarsità tal-ilma, kulma jmur, issir problema akbar. Ħafna minna ma jaħsbux wisq fuq il-vit iqattar, fuq xi kanna li jkun ħiereġ l-ilma minnha, fuq tojlit li jibqa’ jaħdem meta ma jkunx qed jintuża jew bexxiexa li tnixxi l-ilma, u x’aktarx inħalluhom kif inhuma għal xhur.  Imma dawk il-forom kontinwi ta’ ħela tal-ilma jakkumulaw aktar malajr milli taħseb, u jikkontribwixxu għal skarsità akbar tar-riżorsi naturali tal-ilma tagħna.

Bla dubju, l-iżjed mod effettiv kif ma naħlux ilma fil-ħajja tagħna ta’ kuljum huwa billi ninstallaw apparat li juża l-ilma b’mod effiċjenti. Minkejja dan, hemm modi li jgħinu biex jitnaqqas l-użu tal-ilma fid-dar. Dar li tuża l-ilma b’mod effiċjenti mhux biss tgħin lil sidha jonfoq inqas flus, imma tgħin fil-preservazzjoni tal-ilma. Barra milli tgħin biex jorħoslok il-kont tal-ilma, il-konservazzjoni tal-ilma tgħin biex jiġu protetti r-riżorsi tal-ilma u nipprevenu t-tniġġis fl-ilma ta’ madwarna. Billi wieħed jikkonserva l-ilma, ikun anke qed jippreveni emissjonijiet tal-gass serra assoċjati mal-ħtiġijiet tal-enerġija għat-trattament u d-distribuzzjoni tal-ilma.

L-ittestjar tal-effiċjenza tal-ilma f’darek

Billi taħli inqas ilma tkun qed tagħmel differenza kbira lil familtek u lid-dinja kollha. Ftit sforz flimkien, isarraf f’ħafna għal xulxin.

Hemm diversi modi kif tnaqqas il-konsum tiegħek tal-ilma mingħajr ma tikkomprometti l-kwalità tal-ħajja. B’xi bidliet sempliċi, nistgħu niżguraw li jkun hemm biżżejjed ilma għal kulħadd fil-futur.

L-effiċjenza tal-ilma fid-dar tista’ tiġi ttestjata kemm bħala d-dar fl-intier tagħha, jew billi jitkejlu r-rati ta’ fluss tal-ilma tal-apparat separat tiegħek, bħad-doċċa jew il-flushing tat-toilet. Tista’ tittestja l-effiċjenza tal-ilma billi tiċċekkja r-rati ta’ fluss tal-apparat tal-ilma. Qis il-vit tal-kċina bħala eżempju. Poġġi buqar li jesa’ litru taħt il-vit u lesti ruħek biex tara kemm idum biex jimtela. L-effiċjenza tal-ilma titkejjel b’litri kull minuta. Jiġifieri jekk buqar ta’ litru jdum 10 sekondi biex jimtela, il-fluss totali tal-ilma f’60 sekonda huwa ta’ 6 litri. Dak ifisser li r-rata ta’ fluss hi ta’ 6 litri kullminuta! Bħala indikazzjoni, tista’ tqis li vit tal-kċina effiċjenti ħafna għandu rata ta’ fluss ta’ inqas minn 4.5 litri fil-minuta. Numru akbar minn 7 litri kull minuta hu kkunsidrat bħala rata ta’ fluss għolja ħafna, għalhekk ma titqiesx effiċjenti. Fi kliem ieħor, kultant jista’ jagħti l-każ li jagħmel aktar sens li tibdel l-apparat. Dan it-test jista’ jsir fuq doċċi, u fuq il-vitien tal-kċina u tal-kamra tal-banju. Biex tkejjel l-effiċjenza tat-tank tat-toilet, kejjel il-volum tat-tank tal-flushing f’litri. Żomm il-ħin ta’ kemm idum biex jimtela, u mbagħad il-ħin iddividih b’kemm hemm litri fit-tank, u imxi mal-istess passi msemmijin qabel. Bħala gwida, tank tal-flushing effiċjenti għandu jkollu rata ta’ fluss ta’ inqas minn 4.5.

Apparti dan, l-effiċjenza ġenerali fid-dar tista’ tiċċekkjaha billi żżur is-sit www.wsc.com.mt, tagħfas fuq ‘Ara l-Mappa,’ tirreġistra bl-e-ID tiegħek, u tagħfas “Show My Water Consumption”’ Il-konsum provdut hu dak ta’ kuljum, ta’ kull ġimgħa u ta’ kull xahar. Ladarba jkollok il-konsum tiegħek ta’ kuljum, aqsmu skont kemm jgħixu nies fid-dar. Bħala indikazzjoni, għal dar ta’ 4 persuni, ammont taħt il-41 litru kull persuna kuljum jitqies effiċjenti ħafna, mentri aktar minn 95 litru kull persuna kuljum jitqies għoli u għalhekk faċilment tista’ tuża l-ilma b’mod aktar effiċjenti!

Il-monitoraġġ tal-konsum tal-ilma jwaqqaf il-ħela

Se tkun trid tiċċekkja wkoll l-effiċjenza tal-apparati individwali tal-ilma fid-dar. Dan għaliex xi apparat jaf ikollu rati għoljin tal-fluss tal-ilma, li mhumiex neċessarji u għalhekk iwasslu għall-ħela. Rata għolja ta’ fluss tal-ilma fis-sink tal-kċina ma tagħmillekx il-platti aktar nodfa, imma taħli aktar ilma int u taħsel il-platti. Jekk ikollok rati ta’ fluss tal-ilma ogħla f’xi vitien fid-dar, ikkunsidra li tixtri l-aerators għal magħhom. Dawn inaqqsu r-rata tal-fluss tal-ilma mingħajr ma jissagrifikaw il-pressa, u huma mod ħafna aktar effiċjenti ta’ kif l-ilma jiġi kkunsmat fid-dar. Il-konsum tal-ilma fit-tankijiet tal-flushing jistgħu jitnaqqsu billi titpoġġa borża fejn imur l-ilma ġot-tank. Boroż bħal dawn qegħdin jitqassmu bħala parti mil-kits ta’ konservazzjoni tal- Kampanja ‘Ilma – Ibda Minnek.’

Jekk m’intix tieħu nota ta’ kif qed jiġi kkunsmat l-ilma fid-dar, hemm ċans li jkollok aktar minn ħela tal-ilma biss. Meta tanalizza kif jintuża l-ilma fost il-familja tiegħek, issir aktar konxju ta’ kif tużah u ta’ modi kif tista’ tnaqqas il-konsum. Il-moniteraġġ juri l-konsum tal-ilma li int konxju tiegħu, kif ukoll ta’ ilma li ma kontx taf li tuża – li huwa importanti ħafna għal darek.

Aktar użanzi tajbin fir-rutina tiegħek ta’ kuljum

M’hemmx bżonn ngħidu li l-aktar mod effettiv kif ma taħlix ilma hu billi tinstalla apparat li juża l-ilma b’mod effiċjenti, iżda hemm modi oħrajn li jgħinuk tnaqqas l-ammont tal-ilma li tuża f’darek. Dawn il-ħjiliet sempliċi għall-konservazzjoni tal-ilma fil-ħajja tagħna ta’ kuljum jistgħu jgħinu biex naffaċċjaw il-problemi relatati man-nuqqas tal-ilma b’mod effettiv:

  • Agħlaq il-vit meta taħsel snienek u tkun qed tiffranka sa 15-il litru kull minuta. Dan ifisser sa 760 litru fil-ġimgħa għal familja t’erbgħa.
  • Poġġi apparat bid-displacement bag ġot-tank tat-toilet tiegħek
  • Iddumx daqshekk tieħu xawer – ipprova ddumx aktar minn 4 minuti
  • Dejjem agħmel ħasliet sħaħ fil-magna tal-ħasil u fid-dishwasher
  • Sewwi vit li jkun qed iqattar
  • Għaqqad pjanti bl-istess ħtiġiet ta’ tisqija flimkien ħalli tevita li ssaqqi żżejjed lil uħud minnhom u ssaqqi ftit lil oħrajn.

Filwaqt li jaf ma jkunx possibbli li timplimenta dawn is-suġġerimenti kollha, anke jekk iżżid wieħed minnhom biss fir-rutina tiegħek ta’ kuljum, tkun qed tiffranka ħafna litri ta’ ilma ġo darek ta’ kull sena, u tikkontribwixxi għall-konservazzjoni tal-ilma tal-komunità tiegħek kollha.

Sfortunatament, qegħdin ngħixu f’dinja li minħabba t-tibdil fil-klima u ż-żieda fil-popolazzjoni, qed naffaċċjaw kriżi tal-ilma li kulma jmur qed tikber. Billi nifhmu fejn u kemm neħlu ilma, inkunu qegħdin nieħdu l-ewwel pass biex nibdew nikkonservaw wieħed mill-aktar riżorsi naturali prezzjużi. Kull min hu interessat li jsir jaf aktar fuq il-konsum tiegħu tal-ilma u kif jista’ jsir aktar effiċjenti u jikkonserva l-ilma, jista’ jżur is-sit ilma.org.mt biex jiskopri ħjiliet ta’ kif ma taħlix ilma, u anke biex jibbukkja żjara f’daru għal pariri personalizzati fuq kif jista’ jsir aktar effiċjenti.

Ħalli kumment