Il-COVID-19 għamel lil kulħadd ħafna iżjed konxju tal-importanza tal-iġjene personali u l-bżonn li noqogħdu aktar attenti. Aktar kemm qegħdin jinbiegħu toilet paper, wipes u paper towels, huwa importanti li nikkjarifikaw x’tista’ titfa’ fit-toilet. Aktar minn qatt qabel, dan huwa ż-żmien li fih trid tevita li jinstadd it-toilet billi toqgħod attent meta tarmi xi affarijiet.
Ħafna oġġetti li nużaw ta’ kuljum ma jistgħux jintefgħu fit-toilet jew fil-katusa. Mingħajr ma taf kemm qed tagħmel ħsara u mingħajr din l-intenzjoni, jaf qed titfa’ affarijiet fit-toilet li qegħdin isoddu s-sistema tad-drenaġġ, id-drenaġġ pubbliku u anke potenzjalment qegħdin jagħmlu l-ħsara lill-impjanti tat-trattament tal-ilma mormi. Għalhekk, hawn għandek lista ta’ affarijiet li ma jistgħux jiġu fflaxxjati, sabiex il-katusi tiegħek ma jinstaddux u s-sistema tat-trattament tal-ilma mormi tibqa’ għaddejja tajjeb.
Xi wħud minnhom huma ovvji, imma hemm ukoll xi wħud li ħsibna li nistgħu narmuhom ġot-toilet imma li qatt m’għandhom jgħaddu mis-sistema tad-drenaġġ.
Il-paper towels – Veru, il-paper towels jixbhu lit-toilet paper, imma qatt m’għandhom jintremew fit-toilet. Il-paper towels huma effettivi ħafna biex inaddfu t-tixrid ta’ xi likwidu, u għall-istess raġuni jistgħu jwaqqfu s-sistema tad-drenaġġ kieku tarmihom ġot-toilet. Apparti hekk, dak li jġegħilhom isoddu huwa l-fatt li ma jdubux fl-ilma.
Il-wipes diżinfettanti – Il-wet wipes huma wieħed mill-agħar għedewwa tas-sistemi sanitarji moderni, u mill-bidu ta’ dil-pandemija, l-użu tal-wipes diżinfettanti wassal għall-problemi tad-drenaġġ. Għalkemm fuq il-pakkett ta’ dan il-prodott sanitarju jaf ikun hemm miktub li l-wipes tista’ tifflaxxjahom, il-verità hi kompletament l-oppost. Dan għaliex kwalunkwe tip ta’ wipes, jew dawk diżinfettanti jew dawk tat-trabi ma jiddiżintegrawx bħalma jagħmel it-toilet paper. Għalhekk, dawn huma l-kaġun meta jinstadd id-drenaġġ madwar id-dinja nofs id-drabi, u jistgħu jwasslu għal spejjeż għoljin ħafna tat-tiswija.
Bl-istess mod, il-wipes kożmetiċi ma jdubux fl-ilma u għandhom impatt mhux mixtieq fil-proċess tat-trattament tad-drenaġġ. Fil-każ tal-wipes li jintużaw għat-trabi, dawn huma lixxi u ġentili, imma ma jinħallux bħalma jagħmel it-toilet paper. U avolja l-wipes mhumiex ta’ ħsara għat-trabi, ma jfissirx li ma jagħmlux ħsara lill-ambjent. Il-wipes tat-trabi mhumiex dekomponibbli, u għalhekk m’għandhomx ikunu fflaxxjati. Kull tip ta’ wipes li jeżistu jibqgħu sħaħ wara li tifflaxxjahom, u dan jista’ jwassal biex il-katusi tad-drenaġġ jinstaddu u għalhekk, issir ħsara lis-sistema tad-drenaġġ.
Il-kondoms – Abbli ma tirrealizzax, imma anke jekk tifflaxxja xi kondom darba kultant, dan jista’ jkun ta’ ħsara għall-ambjent. It-toilets jaħdmu bl-istess prinċipji, kemm jekk tkun f’lukanda, u kemm jekk tkun f’darek stess. Jiġifieri anke jekk tkun ġo lukanda, xorta trid tkun responsabbli u ma tarmix kondoms użati fit-toilet.
Jaf ikollok iċċempel lill-plumber biex isewwilek it-toilet u s-sistema tad-drenaġġ għax illum jew għada, il-kondoms użati se jimblukkawlek it-toilet. Peress li l-kondoms mhumiex bijodegradabbli, dawn jinġemgħu biss fid-drenaġġ ladarba jkunu fflaxxjati fit-toilet.
It-tajjar jew il-cotton buds – Għalkemm it-tajjar jew il-cotton buds jaf jidhru żgħar biżżejjed biex tifflaxxjahom, dawn jistgħu jikkawżaw problemi kbar fil-katusi. Ħafna jirraġunaw li pere żempju, blalen żgħar tat-tajjar jixxarrbu u eventwalment jinħallu ġol-pajpijiet, imma ma jiġrix hekk. Dawn jistgħu jinġemgħu fil-kurvaturi tal-katusi u jsodduhom.
Il-floss dentali – Anke l-floss dentali jista’ jsodd il-katusi tad-drenaġġ, għalhekk jekk tifflaxxja dan il-ħajt irqiq, dan jista’ jagħmel ħsara sinifikanti kemm lin-netwerk tad-drenaġġ u anke lill-ambjent. Il-floss tas-snien ma jinħallx faċilment ġol-ilma u jista’ jinġema’ aktar ma jgħaddi ż-żmien, jekk tkun ifflaxxjajtu. Jekk tifflaxxjah, il-floss jista’ jitgħaqqad ma’ oġġetti oħra li tifflaxxja warajh, u joħloq ċappa akbar li eventwalment issoddlok id-drenaġġ u l-katusi. Apparti dan, il-floss jista’ jitgħaqqad ma’ partijiet mis-sistema settika tad-drenaġġ tiegħek u jagħmel il-ħsara lill-apparat tal-ippumpjar. Għalhekk, wara li tkun ħadt ħsieb l-iġjene dentali tiegħek, armi l-floss fiż-żibel.
Ix-xagħar – Bħall-floss tas-snien, jekk tarmi x-xagħar ġot-toilet, dan jista’ joħloq problemi akbar aktar tard. Ix-xagħar jifforma bħal xibka meta tifflaxxjah u faċilment jeħel ġol-pajpijiet tad-drenaġġ. Lil hinn minn dan, ix-xagħar qatt ma jdub, allura hemm riskju akbar li jimblokka s-sistema tad-drenaġġ.
Il-loqom tas-sigaretti – il-loqom tas-sigaretti huma tossiċi u huma oġġett ieħor tal-iskart li jista’ jitfa’ kimiċi ta’ ħsara fis-sistema tal-ilma. Ovvjament, ma rridux hekk fil-fluss tal-ilma tagħna! Iċ-ċikek tas-sigaretti mhux dejjem jinżlu ġol-katusa wara li tifflaxxjahom. Importanti li wara li tkun tfejt is-sigarett, tarmih ġoż-żibel.
Il-mediċina – Ħafna nies forsi jaħsbu li tkun qed tagħmel sew u li hi l-iżjed ħaġa sigura li tifflaxxja l-mediċina ġot-toilet, imma mhix. Jekk għandek pilloli antiki li trid teħles minnhom, tifflaxxjahomx – l-ilma tat-toilet ma jiddiżintegrahomx kif suppost, u għalhekk il-mediċina tidħol fl-ilma u tista’ tikkawża effetti ambjentali tossiċi. Dawn id-drogi jistgħu jirrovinaw batterja importanti li hi meħtieġa għall-proċess tat-trattament tal-ilma mormi, jistgħu jikkontaminaw l-ilma ta’ taħt l-art u anke jaffettwaw l-ambjent. Għalhekk, jekk trid tarmi mediċina antika, skaduta jew mhux użata, l-aħjar ħaġa li tagħmel hi li toħodha ġo spiżerija biex jiddisponu minnha b’mod sigur.
Il-prodotti sanitarji – It-tampons, il-pads sanitarji u prodotti sanitarji oħra huma ddisinjati b’tali mod li jassorbu l-likwidu u f’xi każijiet, jespandu ħafna aktar mid-daqs oriġinali tagħhom. Madankollu, fuq il-kaxxa tat-tampons, per eżempju, ikun hemm miktub li tista’ tifflaxxjahom, iżda meta tintebaħ li t-tampons, il-pads, il-wipes u prodotti oħra li suppost tista’ tifflaxxjahom jistgħu jirrovinawlek is-sistema tad-drenaġġ, tispiċċa terġa’ taħsibha biex tifflaxxjahom. Biex żgur isserraħ rasek, dejjem għandek tarmi l-prodotti sanitarji fiż-żibel.
Xaħmijiet, żjut u grass – Ir-regola hi li m’għandekx tarmi ikel ġot-toilet, speċjalment fil-każ ta’ xaħmijiet, żjut u grass peress li dawn jaf ikunu problematiċi għall-katusi. Għalhekk, l-istess bħalma m’għandekx titfa’ x-xaħam tal-ikel ġol-katusa, qatt m’għandek tifflaxxja dan ix-xaħam. Meta dan jibred, jagħqad u b’hekk jespandi, u jwassal għal riskju li jsodd il-katusi tad-drenaġġ. Jiġifieri wara li ssajjar, ħalli x-xaħmijiet, iż-żjut u l-grass jibirdu kompletament u jsiru solidi qabel ma tarmi dak li jifdal ġoż-żibel.
Huwa importanti li nifhmu li t-toilets tagħna, kemm jekk id-dar kif ukoll ix-xogħol, mhumiex laned taż-żibel biex narmu l-prodotti tal-kura personali jew tal-iġjene. Huwa importanti wkoll li ngħallmu lil uliedna jimxu ma’ prattiċi tajbin fil-kamra tal-banju.
Kull meta tkun qed tifflaxxja xi wieħed mill-oġġetti msemmijin f’dan l-artiklu, mhux biss tkun qed tagħmel il-ħsara lis-sistema tad-drenaġġ, imma anke ttellef mit-trattament xieraq tal-ilma mormi u għalhekk tkun qed tikkontribwixxi għat-tniġġiż ambjentali. Dejjem żomm dan f’moħħok biex tipproteġi s-sistema tad-drenaġġ, in-netwerks tad-drenaġġ, l-impjanti tat-trattament tal-ilma mormi u fl-aħħar mill-aħħar, l-ambjent. Meta jkollok dubju, armi l-oġġett fiż-żibel minflok tifflaxxjah, u żur is-sit tagħna www.ppp.com.mt
Kull qatra tgħodd. Ibda minnek!