Għaliex importanti li jinġabar l-ilma tax-xita?

By January 10, 2022 Uncategorized

Waqt li kulma jmur, id-dinja aktar taffaċċja l-bżonn li tindirizza t-tibdil fil-klima, aktar jonqsu d-dubji fuq l-impatt li għandha l-konservazzjoni tal-ilma fuq l-ambjent sostenibbli. Tul l-aħħar snin, żdiedet l-iskarsezza tal-ilma f’diversi partijiet tad-dinja.

Malta hija waħda mill-għaxar pajjiżi l-aktar fqar fid-dinja fir-riżorsi tal-ilma ħelu naturali għal kull abitant. Dan hu attribwit għal tliet fatturi: żona ta’ qbid żgħira, ammont baxx ta’ xita kull sena, u densità tal-popolazzjoni għolja ħafna. Lil hinn minn dan, it-temperatura u x-xita mbassrin f’Malta huma mistennijin li jinbidlu sa tmiem is-seklu 21, billi t-tibdil fil-klima għandu jibdel u jiggrava l-iskemi tal-preċipitazzjoni tal-ilma tal-gżira.

Filwaqt li l-pjaneta tagħna jaf qatt ma tispiċċa mingħajr ilma, huwa importanti li wieħed jiftakar li l-ilma ħelu nadif mhuwiex dejjem disponibbli fejn u meta jeħtiġuh il-bnedmin. L-iskarsezza tal-ilma hija riżultat ta’ disponibbiltà baxxa tal-ilma ħelu, li hija intensifikata mit-tniġġis tar-riżorsi tal-ilma eżistenti bl-attivitajiet tal-bnedmin. Għalhekk, soluzzjoni waħda għal din il-problema hija l-ġbir tal-ilma tax-xita: l-att tal-ġbir u l-ħżin tal-ilma tax-xita biex jerġa’ jintuża, minflok ma l-ilma jinħela fit-toroq biex eventwalment jispiċċa fil-widien u fil-baħar.

Tul dawn l-aħħar snin, pajjiżna kien qed jagħmel sforzi biex jiddiversifika r-riżorsi tal-ilma, anke permezz tal-ġbir tal-ilma tax-xita. F’Malta tagħmel l-iżjed xita f’Diċembru u għalhekk m’hemmx żmien aħjar biex nitkellmu fuq il-ġbir tax-xita u r-raġunijiet ewlenin biex nieħdu vantaġġ minn din ir-riżorsa. Ir-realtà hi li l-użu tal-ilma tax-xita jista’ jġib benefiċċji ekonomiċi u ambjentali sinifikattivi. Sfortunatament, proporzjon sostanzjali tal-ilma tax-xita tagħna għadu jintilef fil-baħar. Huwa importanti li d-djar u l-binjiet tagħna jkollhom tankijiet għall-ilma tax-xita li jaħdmu. Dan huwa importanti wkoll għall-iżvilupp ippjanat tal-binjiet ġodda. B’sistema tal-ħżin tal-ilma tax-xita tajba, bħal bir jew riżerva tal-ilma, ikun hemm benefiċċji għall-ispejjeż tal-binja u għall-ambjent.

Bla dubju, il-ġbir tal-ilma tax-xita jgħin ukoll biex jirħasu l-kontijiet tal-ilma. Meta tkun qed tixtri d-dar tiegħek jew tirrenovaha, qis l-importanza li jkollok bir għall-ġbir tal-ilma tax-xita. Jekk dan ma jkunx possibbli, fittex modi oħra kif tista’ taħżen l-ilma tax-xita għall-użu futur.

Jekk iżżomm iż-żona tal-qbid nadifa, l-ilma tax-xita maħżun ikun ħieles mill-kimiċi, mill-metalli tqal, mill-farmaċewtiċi u kontaminanti oħra. Apparti hekk, l-ilma tax-xita maħżun huwa naturalment artab!

Jekk jinġabar biżżejjed ilma tax-xita fix-xhur li fihom tagħmel ix-xita, dan jgħin biex jissodisfa d-domanda tal-ilma tul is-sena. Huwa sors tajjeb ta’ irrigazzjoni għall-pjanti, għaż-żoni ta’ pajsaġġ u għall-għelieqi agrikulturali. Għal sekli sħaħ, il-ġbir tal-ilma tax-xita f’Malta kien prattika mifruxa u importanti li tgħinna bil-bżonnijiet tal-ilma ta’ kuljum.

Ftakar, għal kull qatra ilma li taħżen u tuża, l-ilma disponibbli jħallik tindirizza l-ħtiġijiet tal-ilma minn jum għall-ieħor, tkun qed tagħmel kontribut validu għall-ambjent u dan eventwalment anke jirriżulta f’inqas spejjeż fil-kontijiet tal-ilma.

Għal aktar pariri fuq il-konservazzjoni tal-ilma żur water.org.mt.

Ħalli kumment