Skip to main content

It-Tielet Pjan Nazzjonali għall-Immaniġjar tal-Ilma – Konferenza ta’ Konsultazzjoni

Nhar il-Ġimgħa, 7 t’Ottubru 2022, l-Aġenzija għall-Enerġija u l-Ilma (EWA) u l-Awtorità għall-Ambjent u r-Riżorsi (ERA) organizzaw konferenza ta’ ġurnata, fil-Lukanda Phoenicia, il-Furjana mid-9.30am sas-2.30pm. Din l-attivitá kienet parti mill-proċess ta’ konsultazzjoni pubblika biex pajjiżna jkollu r-riżorsi tal-ilma t-tajba u li jwassalna għat-tielet pjan nazzjonali għall-immaniġjar tal-ilma.

Il-konferenza tmexxiet mill-Ministru għall-Ambjent, l-Enerġija u l-Intrapriża, l-Onorevoli Miriam Dalli u għaliha attendew diversi persuni b’rwol u sehem importanti f’dan il-qasam. Il-partijiet kollha interessati u li huma marbuta b’xi mod ma’ dan is-suġġett, kienu mistiedna sabiex jattendu biex ilkoll flimkien jaqsmu l-fehmiet u l-ħsibijiet tagħhom matul dan l-istadju konsultattiv.

Skont il-proċess ta’ implimentazzjoni tad-Direttiva tal-Unjoni Ewropea, dwar il-qafas tal-ilma, Malta hija meħtieġa tħejji t-tielet pjan tagħha għall-immaniġġjar tal-ilma. L-EWA u l-ERA qed iħejju dan il-pjan ta’ immaniġġjar b’mod konġunt. Dan il-pjan se jkun qed jinkludi l-isfidi ewlenin li jeħtieġ li jkunu indirizzati bl-għan li Malta jkollha stat tajjeb għar-riżorsi tal-ilma, kif ukoll ikunu elenkati l-miżuri li jeħtieġ li jiġu implimentati biex progressivament, pajjiżna jikseb dawn il-kundizzjonijiet li jwasslu għal stat tajjeb tal-ilma.

L-għan ta’ din il-konsultazzjoni kien li jkun indirizzat l-isfidi għall-immaniġġjar tal-ilma f’Malta, ikunu enfasiżżati l-lakuni lejn il-kisba ta’ ilma taħt il-pjan li jkun f’kundizzjoni ta’ stat tajjeb, inland surface, transitional waters u coastal waters. Din il-laqgħa konsultattiva ppermettiet diskussjoni dwar il-miżuri li għandhom jiġu inklużi bħala parti mit-tielet pjan nazzjonali għall-immaniġjar tal-ilma, filwaqt li jkun assigurat approċċ li jkun integrat u sostenibbli għall-immaniġġjar tal-ilma fil-gżejjer Maltin.

Waqt din il-konferenza, kien hemm is-sehem ta’ żewġ esperti internazzjonali li qasmu l-esperjenza tagħhom dwar l-approċċ u l-miżuri adottati fi stati membri oħra Ewropej, għall-immaniġjar tal-intergrazzjoni tal-ilma. Il-konferenza kompliet b’tliet diskussjonijiet separati minn xulxin, bil-parteċipazzjoni ta’ tliet panels ta’ mistiedna differenti. L-għan ta’ dawn id-diskussjonijiet kien li l-pubbliku u l-partijiet interessati f’dan is-suġġett, jingħataw l-opportunitá li jresqu l-proposti għall-miżuri li jistgħu jikkontribwixxu biex jinkiseb status ta’ ilma tajjeb.

Il-Kap Eżekuttiv tal-Aġenzija għall-Enerġija u l-Ilma, Manuel Sapiano enfsasizza l-importanza li kulħadd jaħdem flimkien u li l-partijiet kollha interessati, għandhom rwol essenzjali biex jirrikonoxxu l-isfidi ewlenin li jwassluna biex niksbu stat tajjeb tal-ilma tagħna taħt il-pjan, inland surface, transitional waters, u coastal waters. Ir-riżorsi kollha tal-ilma huma importanti u jeħtieġ li jiġu salvagwardjati. Il-Kap Eżekuttiv żied jgħid li r-rispons tal-partijiet kollha interessati huwa sinifikanti u stieden lil dawk kollha li kienu qed jattendu din il-konferenza, sabiex fil-miftuħ jagħtu r-rispons tagħhom waqt id-diskussjoni, bl-għan li jkun jista’ jiġi żviluppat pjan b’miżuri realistiċi.

Il-Ministru għall-Ambjent, l-Enerġija u l-Intrapriża, Miriam Dalli rringrazzjat lill-entitajiet u lil dawk kollha involuti fl-implimentazzjoni tat-tielet pjan nazzjonali għall-immaniġjar tal-ilma. Il-Ministru Dalli enfasiżżat l-importanza ta’ inizjattivi bħal dawn biex jgħinu lil dawk kollha li jiffurmaw parti mill-istess qasam sabiex jiltaqgħu u jaqsmu l-fehmiet tagħhom dwar l-importanza tal-ilma bħala riżorsa li normalment tiġi injorata u tingħatax l-importanza li jixirqilha. “L-ilma hija riżorsa li kulħadd għandu jkun responsabbli minnha għaldaqstant għadna nimpenjaw ruħna sabiex insibu modi li jgħinu biex nikkonservaw dan kollu. Ix-xogħol kollu li qed isir fil-qasam tas-settur tal-ilma huwa relevanti, mill-iżgħar inizjattiva, għall-implimentazzjoni ta’ proġetti fuq skala kbira biex din ir-riżorsa importanti tiġi mmaniġġjata sew,” sostniet il-Ministru.

L-EWA u l-ERA ħadu nota tal-punti li tqajmu waqt dawn id-diskussjonijiet u kwalunkwe rispons li ta l-pubbliku f’dan il-proċess konsultattiv se jkunu qed jiġu rrakkomandati fl-inklużjoni tat-tielet pjan nazzjonali għall-immaniġjar tal-ilma.

Din il-konferenza ġiet organizzata b’kollaborazzjoni ma’ dawn l-entitajiet:

il-Ministeru għall-Ambjent, l-Enerġija u l-Intrapriża, l-Aġenzija għall-Enerġija u l-Ilma (EWA) u l-Awtorità tal-Ambjent u r-Riżorsi (ERA).

 

Ħalli kumment