Bosta studji u rapporti f’diversi pajjiżi qed juru li l-konsum medju tal-ilma għal kull persuna żdied matul dawn ix-xhur dominati mill-effett tal-COVID-19. Preżentament, il-konsum tal-ilma fid-djar tagħna huwa ogħla minn normal. Kawża ta’ dan il-virus ġdid u l-miżuri li qed iwasslu għad-distanzi soċjali, il-membri kollha tal-familja qed iqattgħu aktar ħin fid-dar. Barra minn hekk, f’dan iż-żmien it-tfal mhux qed jattendu l-iskola fuq ordni tal-Gvern, bħala miżura bl-għan li jitnaqqas it-tixrid tal-COVID-19.
B’hekk l-attivitajiet fid-dar bħall-ħasil tal-idejn, ifflaxxjar tat-toilet, u attivitajiet bażiċi oħra żdiedu u magħhom żdied il-konsum tal-ilma. Veru każ li l-COVID-19 iddomina ħajjitna u l-ħsibijiet tagħna.
Matul il-ġimgħat li għaddew, kważi madwar id-dinja kollha ttieħdu diversi miżuri drastiċi bħala sforz biex jiġi kkontrollat it-tixrid tal-COVID-19. F’Malta, l-ewwel tliet każijiet ta’ dan il-virus ġew irrappurtati nhar is-7 ta’ Marzu. Eventwalment, iż-żieda fl-għadd ta’ infezzjonijiet ġodda, wassal sabiex il-Gvern adotta miżuri li kienu dejjem aktar restrittivi, inklużi dawk li jillimitaw l-attivitajiet soċjali u l-ħajja pubblika kif normalment nafuha.
Il-ħasil tal-idejn aktar fit-tul sar l-aktar punt enfasizzat kontinwament mill-Awtoritajiet tas-Saħħa bħala mezz ta’ prevenzjoni kontra t-tixrid tal-virus. Il-verità hi li meta naħslu jdejna sew, mhux biss inkunu qed innaqsu l-possibbiltà li dan il-virus jinxtered, iżda nistgħu nnaqqsu ċ-ċans ta’ tixrid ta’ mard ieħor li hu komuni bħal mhi l-influwenza. Għalkemm din it-tip ta’ sitwazzjoni twassal għal żieda fil-konsum tal-ilma, xorta waħda hemm mezzi ta’ kif wieħed jista’ jikkontrolla l-fluss u l-ammont ta’ ilma li nikkonsmaw fid-dar tagħna. B’hekk inkunu qed nikkonsmaw l-ilma b’mod għaqli. L-aktar miżura faċli li nistgħu napplikaw hija dik li nassiguraw li jkollna aerator installat mal-vit tagħna. L-aerator jonfoħ l-arja fil-fluss tal-ilma u b’hekk inaqqas il-volum reali tal-ilma li jkun ħiereġ mill-vit waqt li s-sensazzjoni tal-fluss tal-ilma tibqa’ l-istess. L-aktar aerators effiċjenti li jinstabu fis-suq kapaċi jnaqqsu l-fluss tal-ilma b’madwar 90%, li hu ammont li jikkumpensa tajjeb għall-użu miżjud tal-ilma sforz il-fatt li nkunu qed naħslu jdejna aktar ta’ spiss.
Naħslu jdejna kif suppost u nwaqqfu t-trażmissjoni tal- COVID-19
Mingħajr ebda dubju, iġene tajba għall-idejn tipproteġi lilek u lil dawk ta’ madwarek. Il-messaġġ ewlieni li kien enfasizzat fil-Jum Dinji tal-Ilma 2020, li kien iċċelebrat nhar it-22 ta’ Marzu li għadda, kien dwar l-importanza li naħslu jdejna sew, sabiex inżommu lill-komunitajiet tagħna siguri fil-ġlieda tagħna biex titnaqqas t-trażmissjoni tal-COVID-19. Li nissalvagwardjaw l-ilma u napplikaw konsistentament prattiċi ta’ iġene u nadottaw prattiċi ta’ tindif tal-ambjent u ta’ ġbir tal-iskart fil-komunitajiet, fid-djar, fl-iskejjel, fil-postijiet kummerċjali, u fil-faċilitajiet tal-kura tas-saħħa, għandhom jgħinu aktar biex inwaqqfu t-trażmissjoni tal-virus COVID-19, minn persuna għall-oħra.
Dan l-effett mhuwiex speċifiku għal Malta. Skont analiżi li tagħti ħarsa lejn ix-xejra tal-konsum tal-ilma fil-belt Ġermaniża ta’ Karlsruhe matul dan il-perjodu, ġie osservat kif il-konsum tal-ilma nbidel wara li ġew applikati mużuri restrittivi.
Karlsruhe huwa reġjun b’popolazzjoni ta’ aktar minn 400,000 persuna fl-istat ta’ Baden-Württemberg u għalhekk f’termini ta’ użu u konsum tal-ilma, wieħed jista’ faċilment iqabbel ma’ Malta (bil-popolazzjoni Maltija tkun ta’ madwar 494,000 persuna). L-għeluq tal-iskejjel u tal-attivitajiet mhux essenzjali, iż-żieda ta’ nies li qed jaħdmu mid-dar u r-restrizzjonijiet soċjali hawn ukoll kienu ta’ kontribut għal din il-bidla sinifikanti fil-konsum tal-ilma.
Konsum ogħla tal-ilma kawża tal-miżuri tal-COVID-19
Hemm modi li nistgħu nadottaw bl-għan li nużaw l-ilma b’mod aktar effiċjenti, għaqli u finanzjarjament aktar sostenibbli, waqt li nżommu ruħna sikuri.
Ta’ kuljum nistgħu nagħtu attenzjoni aħjar għall-konsum tal-ilma, biex nippruvaw nillimitaw l-użu eċċessiv u mhux meħtieġ partikolarment f’ċertu attivitajiet jew waqtiet tal-ġurnata, u li mhumiex direttament marbuta maż-żamma tal-iġene personali tagħna. Ejjew ma nħallux dan iż-żmien mhux tas-soltu iżid l-istress fiżiku u mentali tagħna iżda minflok naraw li dan ikun żmien li jgħinna nifhmu aħjar, li ftit attenzjoni u għaqal iwasslu biex nikkonservaw l-ilma. Fir-rutina tagħna ta’ kuljum, ejjew nippruvaw nibdew nintroduċu drawwiet tajba sabiex niffrankaw l-ilma.
Niftakru li ftit attenzjoni llum minn kull wieħed u waħda minna, se jkun qed jgħin biex nippreservaw ir-riżorsi tagħna għal għada. Il-ftit li nistgħu nagħmlu flimkien, iwassal biex niffrankaw ħafna, għal xulxin.
Suġġerimenti ta’ kif nistgħu nsostnu l-ilma matul il-COVID-19
L-ilma għandu valur kbir u azzjonijiet żgħar, jgħinu biex niffrankaw l-ilma u nagħmlu d-differenza mixtieqa. Ejjew nibdew niffrankaw l-ilma billi nwaqqfu drawwiet ħżiena u napprofittaw minn dan iż-żmien partikolari u ta’ sfida għal kulħadd, biex nagħmlu l-bidla meħtieġa.
Fid-dar, nistgħu niġbru u nużaw mill-ġdid l-ilma li nkunu użajna għat-tisjir. Ladarba dan l-ilma jkun kesaħ, nistgħu nużawh għal skopijiet marbuta maż-żamma tal-ġnien tagħna. Fl-istess waqt, jekk tkun qed tgħalli l-ħaxix, uża dan l-istess ilma fil-proċess biex tagħmel soppa. Mod ieħor tajjeb biex tiffranka l-konsum tal-ilma fil-kċina tiegħek hu li żżomm buqar ħdejn il-vit tal-kċina, biex b’hekk tkun tista’ tiġbor kwalunkwe ilma li jista’ jinħela meta tkun qed tistenna li jisħon l-ilma li jkun ħiereġ mill-vit. Eventwalment, dan l-ilma li jkun irnexxielek tiġbor, tista’ tużah fit-tisqija tal-pjanti ta’ ġewwa jew fil-ġnien. Meta taħsel il-platti bl-idejn, qatt tħalli l-ilma nieżel kontinwament u dejjem agħlaq il-vit sew biex ma jqattarx ilma bla bżonn. Apparti minn hekk, aħsel il-platti ġo sink mimli bi ftit ilma u wara laħlaħhom billi tuża l-aerator li jkun imwaħħal mal-vit.
Meta tuża l-washing machine, aħsel biss meta jkollok bżonn tagħmel load sħiħa u uża l-iqsar cycle possibbli biex taħsel il-ħwejjeġ tiegħek. Qabel tibda l-ħasla tiegħek permezz tal-washing machine, agħżel ‘suds-saver’ mill-preferenzi li tipprovdilek l-istess magna. Barra minn hekk, meta tkun se taħsel xi qmis li tuża ta’ kuljum biex tmur għax-xogħol biha, minflok titfagħha għall-ħasil, tista’ tgħaddiha malajr bil-ħadida tal-mgħodija jew perriċha biex titnaddaf. Bl-istess mod, meta jkollok bżonn tnaddaf l-iskutella tal-ilma tal-pet tiegħek, uża l-ilma l-qadim biex issaqqi l-pjanti tad-dar tiegħek minflok tarmih.
Qatt m’għandek tarmi l-ilma fid-drain jew toilet meta jista’ jkun hemm użu ieħor għal dan l-istess ilma li tkun għadek hemm użajt, bħal per eżempju biex tużah għat-tisqija ta’ pjanti jew tindif. Aktar minn hekk, ejjew nagħtu eżempju tajjeb lit-tfal tagħna, sabiex dawn japprezzaw is-sinnifikat tal-konservazzjoni tal-ilma.
Fil-kamra tal-banju, tista’ tagħżel li tieħu doċċa ta’ malajr, minflok tieħu banju mimli ilma. Jekk id-doċċa li tieħu żżommha qasira, tkun qed tiffranka l-ilma. Bl-għan li żżomm ħin tad-doċċa li tkun qed tieħu, tista’ tagħzel li tisma’ d-diska favorita tiegħek, u li tkun twila erba’ minuti, sabiex waqt li tkun qed tinħasel u tkanta magħha, tipprova ttemm id-doċċa tiegħek qabel ma tispiċċa d-diska wkoll.
Meta tkun fil-kamra tal-banju:
- Waqqaf l-ilma meta tkun qed tindilek bix-xampù. Barra minn hekk, waqt li tkun qed tinħasel, poġġi barmil fid-doċċa, sabiex waqt li tinħasel tkun tista’ tiġbor l-ilma żejjed. Wara x-xower, tkun tista’ tuża dan l-ilma meta jkollok bżonn tifflaxxja t-toilet.
- Meta tkun qed taħsel snienek agħlaq il-vit biex ma taħlix ilma u uża ftit ilma biex taħsel it-toothbrush. Jekk tagħmel hekk, tkun qed tiffranka sa madwar 80% tal-ilma li normalment tuża.
- Meta tkun qed tqaxxar il-leħja, evita li tħalli l-vit bl-ilma nieżel għalxejn, u minflok uża skutella żgħira bl-ilma fiha.
- Tifflaxxjax it-toilet bla bżonn u anke hawn tista’ tuża anqas ilma, saħansitra bejn 40% u 50%, meta jkunu installati low-flush toilets
Matul dan iż-żmien partikolari li qed ngħixu fih, x’aktarx ma nkunux qed nagħmlu użu daqs qabel tal-vettura tagħna, għaldaqstant nistgħu nagħżlu li nevitaw li naħslu l-karozza la din mhux qed tintuża. Ejjew nagħżlu li naħslu fil-ħinijiet tal-ġurnata li jkunu l-aktar friski u nevitaw li nużaw l-ilma għat-tisqija tal-pjanti fil-ġnien tagħna fil-qilla tax-xemx jew meta jkollna ġranet bir-riħ sabiex innaqqsu l-evaporazzjoni tal-ilma. Aktar minn hekk, f’dawn il-jiem partikolari nistgħu nużaw il-ħin tagħna d-dar biex nippjanaw ideat ta’ kif nistgħu nsebbħu l-ġonna tagħna bi pjanti lokali u li allura jeħtieġu inqas ilma. Nistgħu wkoll niksu l-ħamrija b’mulch sabiex iżżomm l-umdità fil-ħamrija.
L-ilma hu riżors limitat. F’dawn il-jiem tal-imxija tal-COVID-19, xorta waħda nistgħu nikkonservaw l-ilma. Din tirrikjedi ħsieb minn qabel u sforz imma kull ftit jgħin immens fiċ-ċirkostanzi. Ejjew inkunu pożittivi u qatt ma naħsbu li dak li nkunu qed nagħmlu jew li nistgħu nagħmlu, ma jgħinx biex jagħmel is-sitwazzjoni aħjar. Ilkoll nistgħu nagħmlu bidliet importanti fl-istil tal-ħajja tagħna sabiex innaqsu l-użu tal-ilma u dan iż-żmien partikolari jista’ jkun l-aħjar opportunità biex nagħtu bidu għal drawwiet ġodda u tajbin, li jgħinuna nikkonservaw u niffrankaw l-ilma. Is-sigriet ta’ dan kollu hu li nwettqu fil-prattika dawn id-drawwiet sempliċi u ma nħalluhomx biss fix-xewqat jew ħolm tagħna.